Il-Ħidma tal-Ispirtu s-Santu (L-ewwel Parti)

Sermon  •  Submitted
0 ratings
· 24 views
Notes
Transcript

Il-Ħidma tal-Ispirtu s-Santu (L-ewwel Parti)

Ġwanni 16:4-15

4 Dan ma għedthulkomx mill-bidu, għaliex kont għadni magħkom. 5 Issa sejjer għand dak li bagħatni, u ħadd minnkom ma jistaqsini, ‘Fejn sejjer?’ 6 Imma għax għedtilkom dan, qalbkom imtliet bin-niket. 7 Madankollu, ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għaliex, jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom. 8 U meta huwa jiġi, juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub, il-ġustizzja u l-ġudizzju; 9 id-dnub, għax huma ma jemmnux fija; 10 il-ġustizzja, għax jien sejjer għand il-Missier, u intom m’intomx se tarawni iżjed; 11 il-ġudizzju, għax l-Prinċep ta’ din id-dinja huwa ġa kkundannat.
12 “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. 13 Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni. 14 Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. 15 Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. - ĠWANNI 16:4-15.

Introduzzjoni

Ħmistax ilu qsamt magħkom dwar l-Għamara tal-Ispirtu s-Santu. Għidna li l-Ispirtu s-Santu jgħammar f’tempju mhux magħmul mill-bniedem imma minn Alla.
Rajna li dan it-tempju huwa ġisimna u li kull persuna li twielded ġenwinament mill-ġdid l-Ispirtu t’Alla jgħammar fiha.
Rajna wkoll li minkejja li aħna l-għamara tal-Ispirtu s-Santu ma jfissirx li aħna perfetti u b’riżultat ta’ dan għandna konflitt intern fejn hemm żewġ liġijiet jaħdmu simultanjament ġewwa fina li huma kkarraterizzati mill-bniedem il-ġdid u dak il qadim. Insibu l-liġi tal-moħħ tal-bniedem il-ġdid li trid togħġob ‘l Alla u liġi tad-dnub li tiddomina l-bniedem il-qadim (il-ġisem).
Imbagħad fl-aħħar nett rajna li għalkemm is-salvazzjoni ħallas għalija Ġesù imma n-nisrani jrid jħaddem is-salvazzjoni li taħ Alla u din trid tipproduċi frott bnin.

Il-Ħidma tal-Ispirtu s-Santu (L-ewwel Parti)

Illum se nħarsu lejn l-ewwel parti tal-Ħidma tal-Ispirtu s-Santu fejn se naraw tnejn minn erba’ rwoli bażiċi taI-Ispirtu s-Santu fid-dinja fir-relazzjoni tiegħu mal-bniedem, b’mod partikulari ma dawk li huma Nsara.
L-erba’ rwoli bażiċi tal-Ispirtu s-Santu huma l-Konvinzjoni, r-Riġenerazzjoni, l-Magħmudija tal-Ispirtu s-Santu, u l-Mili ripetut tal-Ispirtu s-Santu (fejn kontinwament nimtlew bl-Ispirtu). Hemm l-ħames rwol ukoll, għalkemm dan mhux daqstant bażiku, li se nitkellmu aktar l-quddiem fuqu, dan huwa l-Għotja ta’ doni spiritwali.

1. Konvinzjoni – Ruħ (Kuxjenza u moħħna)

l-ewwel rwol tal-Ispirtu s-Santu huwa li jikkonvinċina mil-ħażen tagħna. Dan jagħmlu fil-kuxjenza u l-moħħ tal-bniedem. Il-kuxjenza nistgħu nsejħula d-dawl tar-ruħ.
Dawn (dawk mingħajr liġi) juru b’għemilhom li l-preċetti tal-Liġi huma miktuba f’qalbhom, u dan tixhdu wkoll il-kuxjenza u r-raġuni tagħhom, li issa jakkużaw u issa japprovaw għemilhom. - RUMANI 2:15
Dan jiġri qabel ma nkunu salvati. L-konvinzjoni hija meta nsiru konxji tassew mill-ħtieġa tagħna għal Salvazzjoni personali. Nħossuna b’mod profond konvinti mill-Ispirtu s-Santu tad-dnub tagħna u l-ħtieġa tagħna għas-Salvazzjoni, u tant ninħakkmu mill-qawwa tal-spirtu s-Santu li naslu biex nindmu minn dnubietna u nfitxxu li ngħixu stil ta’ ħajja li togħġob ‘l Alla.

ĠWANNI 16:8-11

8-11 "Meta jiġi (l-Ispirtu s-Santu), huwa jikxef jew juri l-iżball ta’ dawk li fid-dinja jiċħdu ‘l Alla, u l-fehma tagħhom dwar id-dnub, il-ġustizzja u l-ġudizzju: Hu jurihom li ċ-ċaħda tagħhom li jemmnu fija (Ġesù) huwa d-dnub fundamentali tagħhom; li l-ġustizzja tiġi mis-sema, fejn jien qiegħed mal-Missier, il-bogħod mid-dehra u l-kontroll tagħhom; li l-ġudizzju jseħħ hekk kif il-ħakkiem ta’ din id-dinja mingħajr Alla (Satana u segwaċi tiegħu), jitressaq l-qorti quddiem il-ġudikant u jinstab ħati. - ĠWANNI 16:8-11
Mela l-Ispirtu s-Santu se juri d-dinja fejn qed tiżbalja u jikkonvinċija mid-dnub u mill-ġustizzja u mill ġudizzju. Dan jagħmlu permezz tax-xandir tal-Evanġelju li jwassal għas-salvazzjoni ta’ dawk li jemmnu.
Din ġrat lil kull wieħed u waħda minna li għarafna dan u tajna ħajjitna lil-Mulej. Kulħadd għandu l-istorja tiegħu jew tagħha.
Jien niftakar li qabel ma sirt Kristjan qatt ma kont rajt Bibbja aħseb u ara kemm qrajta, kont nappartieni għal knisja Kattolika Rumana u kont reliġjuż imma ma kontx naf xejn dwar il-Kristjaneżmu Bibbliku.
Darba minnhom iltqajt ma wieħed Norveġiż fit-triq u beda jkellimni fuq Ġesù. U għalkemm kont smajt dwar Ġesù għomri kollhu imma ma kontx nafu personalment. Dan ir-raġel beda jgħidli fuq Ġesù u qalli li jekk nistieden lil Ġesù f'qalbi hu jeħlisni mill-piena tad-dnub u jaħfirli dnubieti u jagħtini ħajja eterna. Dan ilu aktar minn 48 sena u ma jiddispjaċinix li rċevejt dan ir-rigal t’Alla u twelidt mill-ġdid bl-Ispirtu s-Santu.
L-konvinzjoni hija xogħol l-Ispirtu s-Santu li taħkem lil dik il-persuna u ġġiba konxja ta’ l-istat tagħha u tal-ħtieġa tagħha għas-Salvazzjoni personali. Din it-tip ta’ konvinzjoni tista’ tiġi fuq persuna biss jekk l-evanġelju jiġi mxandar. Mhix kwistjoni li nikkonvinċu lil xi ħadd aħna bil-kapaċità tagħna u lanqas li nippruvaw inbeżżaw lil xi ħadd bl-infern imma hija totalment il-ħidma ta' l-Ispirtu s-Santu.

2. Riġenerazzjoni – Spirtu

It-tieni Rwol tal-Ispirtu s-Santu jissejjaħ riġenerazzjoni jew twelid mill-ġdid.
Wieġbu Ġesù (lil Nikodemu): “Tassew tassew ngħidlek, li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla. - ĠWANNI 3:5
Aktar kmieni fi Ġwanni kapitlu wieħed naqraw li dak li jitwieled mill-ġisem huwa ġisem iżda dak li jitwieled mill-ispirtu huwa (riġenerat) mill-ispirtu. Fin-natural meta nitwieldu, nitwieldu mill-ġisem imma meta nitwieldu mill-ġdid, nitwieldu mill-ispirtu t'Alla. Mela naraw li wara l-konvinzjoni tiġi r-riġenerazzjoni.
F’Titu 3:5 naqraw:
Hu (Ġesù) salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu. - TITU 3:5
Il-kelma ilma (ĠW 3:5) u l-kelma ħasil(TI 3:5) huma relatati. Is-salvazzjoni hija xogħol Alla. Pawlu qal li “mhux minħabba l-opri tajba” li għamilna, imma skont il-ħniena tiegħu salvana. Il-bniedem ma jistax jaqla’ s-salvazzjoni tiegħu b’għemil tajba.
Imbagħad Pawlu spjega l-mod ta' kif din is-salvazzjoni tiġi atwata: "Bil-ħasil tat-twelid ġdid (tindif ta’ dnubietna - ġustifikazzjoni), u tiġdid (riġenerazzjoni) ta' l-Ispirtu s-Santu." Dan hu dak li Ġesù għallem lil Nikodemu (Dan jaqbel mal-kliem f’Ġwanni 3: 5 li għadna kemm qrajna).
Hemm dawk li jirreferu għal kelma "Ħasil" bħala referenza għall-magħmudija bl-ilma, li kif nafu hija sinjal estern tar-riġenerazzjoni. Iżda jekk wieħed isalva bil magħmudija allura s-salvazzjoni tagħna tkun qed tiddependi fuq jekk wieħed jitgħammidx jew le u mhux fuq il-fidi fi Kristu biss.
U dan (Alla) għamlu biex iqaddisha (l-Knisja) u jnaddafha bil-ħasil tal-ilma bil-kelma - EFESIN 5:26
Għalhekk, l-ilma probabbli qiegħed jirreferi għal Kelma t’Alla u dan jagħmel sens għax hija l-Kelma, li meta tiġi ppriedkata, tnaddaf il-midneb mid-dnub billi toħloq il-fidi fih biex jaċċetta lis-Salvatur u jiġi ġġustifikat. Imbagħad immedjatament wara tiġi r-riġenerazzjoni, “It-tiġdid ta' l-Ispirtu s-Santu.” Dan it-"Tiġdid" huwa dak ix-xogħol intern ta' l-Ispirtu li Ġesù kien qed jitkellem dwaru f'Ġwanni kapitlu 3.

Egħluq

Biex nikkonkludi ejjew nerġaw niftakkru li l-Ispirtu s-Santu huwa attiv fid-dinja biex irressaq lin-nies lejn Alla. L-Ispirtu s-Santu jħabrikkna biex inxandru l-Evanġelju għaliex meta nagħmlu dan noħolqu klima ta’ fidi fejn Hu jikkonvinċi lil dawk li ma jemmnux biex jagħrfu l-bżonn tagħhom li jindmu u jirċievu d-don t’Alla tas-Salvazzjoni. L-ilma jirraprezenta t-tindif tad-dnub.
Meta wieħed jilqa’ lil Ġesù f’qalbu l-Ispirtu s-Santu jiġenera l-ispirtu f’dik il-persuna u jweldu mill-ġdid. Dan huwa dak li Pawlu jirreferi għalih bħala l-bniedem il-ġdid.
Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid. - 2 KORINTIN 5:17

Talba:

Missier, f'isem Ġesù nonorak u nigglorifikak. Nirringrazzjak ukoll ta’ ħuti li llum semgħu kelmtek. Nitolbok biex tkompli tagħmel xogħolok fihom permezz tal-Ispirtu s-Santu speċjalment fil-qasam tat-tikbir u l-maturità. Agħtijhom is- saħħa u l-qawwa f’ħajjithom. Nitlob missier għal kull familja u fejn hemm xi mard fi djarhom nitlob għal fejqan. Niġi kontra kull spirtu ta' mard u infermità u nordna li dan il-mard jitwarrab minn ġisimhom f'isem Ġesù! Niddikjara l-ħajja u s-saħħa għal l-aħwa kollha kemm fl-ispirtu, fir-ruħ u fil-ġisem. Nirringrazzjak Missier li tberikna bl-ikel fuq l-imwejjed tagħna u bl-ilma frisk biex issostni ġisimna. Nitolbok tipproteġina minn kull mard u infermità u nirringrazzjak tal-ħidma tiegħek f'ħajjitna. Nagħtik glorja, unur u tifħir u nitolbok biex tkompli tgħinna nimmaturaw fil-Kelma tiegħek. Fl-isem meraviljuż ta’ Ġesù nitlobu
Related Media
See more
Related Sermons
See more